Skip to main content

Joseph Muscat: il-Ġenju Politiku


Joseph Muscat illum għandu l-istatus ta' eroj, kif kien igawdi minnu Dominku Mintoff sa mewtu. Joseph Muscat kien kapaċi jħoss il-polz tal-poplu u fid-dawl ta' oppożizzjoni ineżistenti kapaċi jġib 66% tal-voti li kieku elezzjoni kellha ssir illum.

Iżda Joseph Muscat mhuwiex dak il-bniedem ta' qalbu tajba li ser jara kif jagħmel biex jgħinnek. JM jaħseb biss fih innifsu u f'familtu. Wieħed għandu jiftakar kif kien jikteb artiklu wara l-ieħor kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. X'ġara meta Malta tassew issieħbet fl-Unjoni? Joey ta' Burmarrad dlonk mar jaqla' paga papali Brussell.

Jekk wieħed jaf kif inhu kkostitwit il-Parlament Ewropew, dlonk ikun jaf li huwa magħmul minn bosta partiti. Fosthom hemm partiti li huma għalkollox kontra l-istruttura preżenti tal-Unjoni Ewropea fl-intier tagħha. Allura JM għalfejn ma sseħibx mar-Reformisti fil-Parlament, la kien daqshekk kontra l-Unjoni? Le, Joseph issieħeb mas-Soċjalisti Skwallidi li huma kuntenti bl-UE kif inhi.

Illum, lura Malta, Joseph qed jirkeb dik il-mewġa tal-Unjoni. Ejja ngħiduha kif inhi: Malta qed tgawdi mill-aqwa ekonomija fl-Unjoni. Xi ħaġa li qatt ma kienet. Din l-ekonomija b'saħħitha hija dovuta għal diversi fatturi, iżda kollox imur lura għas-sħubija fl-UE. Mela li kieku Malta ma kinitx fl-UE kienet ser tiġi mqar kumpanija waħda tal-logħob tal-azzard hawn Malta? Ara naqra, l-ironija tal-ħajja!

L-uniku benefiċċju li Malta kien ikollha mingħajr is-sħubija tagħha fl-UE (f'dak li għandu x'jaqsam mal-ekonomija) huwa t-temp. It-turiżmu kien tajjeb qabel l-2004 imma ovvjament ħa spinta kbira grazzi għal Schengen. Taf li l-Belt Valletta ma setgħetx tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura li kieku Malta ma daħlitx fl-Unjoni? Hemm wisq fatturi li qed jikkontribwixxu għall-ekonomija Maltija llum, imma jibqa' l-fatt li Joseph Muscat huwa eroj għal din ir-raġuni:

Daħal fis-seħħ avveniment li Muscat inizjalment oppona bil-qawwi u li issa qed jaħsad il-frott tiegħu.

Bah!

Il-fatt li Joseph jagħmel kif jaqbillu joħroġ biċ-ċar ukoll mill-pożizzjoni tiegħu dwar iż-żwieġ tal-omosesswali. Forsi hawn min għandu memorja qasira u jaħseb li JM huwa s-salvatur tal-omosesswali, li daħal fil-politika biex jeħlishom mill-martirju li kienu qegħdin għaddejjin minnu. Min huwa omosesswali, u vvota lil Joseph Muscat għad-drittijiet li dan tah, huwa injorant, għax Joseph jinqeda bik qiegħed. JM ma jimpurtahx mill-omosesswali imma jaf li n-nagħaġ se jkunu kuntenti.


Araw dan il-filmat t'hawn fuq u pprovaw aħsbu ftit. Lil Hillary Clinton fl-Istati Uniti jirreferu għaliha bħala Crooked Hillary. Hawn Malta naħseb li nistgħu nibdew nirreferu għal JM bħala Crooked Joseph. Dawn ikunu nies li jagħmlu li jaqblilhom biex jakkwistaw il-voti. Issa hemm min jargumenta li San Pawl ukoll kien jippersegwita lill-Kristjani qabel ikkonverta. Imma intom taħsbu li Joseph Muscat huwa San Pawl?

Dal-aħħar ġie diskuss ħafna l-abort. F'dan l-istadju ma nemminx li l-amministrazzjoni ta' JM għandha l-intenzjoni ddaħħal l-abort. L-abort huwa kwistjoni differenti għalkollox miż-żwieġ tal-omosesswali. L-omosesswali ilna narawhom fuq it-tv u fil-ħajja pubblika għal żmien twil, bażikament diġà kellhom ħajja tajba; il-poplu kien jaċċettahom. Però l-poplu Malti mhux lest joqtol tarbija fil-ġuf ta' ommha.

Comments